L_202401996MT.000101.fmx.xml
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1996

19.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2024/1996

tas-16 ta’ Lulju 2024

dwar il-konferma mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (EUNAVFOR MED IRINI/4/2024)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472, li stabbiliet u nediet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) għall-perjodu li jispiċċa fil-31 ta’ Marzu 2021.

(2)

L-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, minkejja dak il-perjodu, l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni trid tiġi kkonfermata mill-ġdid kull erba’ xhur u li l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irid itawwal l-operazzjoni sakemm l-iskjerament tal-assi marittimi tal-operazzjoni ma jipproduċix effett ta’ attrazzjoni fuq il-migrazzjoni abbażi ta’ evidenza sostanzjata miġbura skont il-kriterji stipulati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

(3)

Fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/653 (2), li estendiet EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2025, soġġetta għall-istess proċedura ta’ konferma mill-ġdid. Fis-26 ta’ Marzu 2024, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1013 (3), li kkonfermat mill-ġdid l-estensjoni tal-EUNAVFOR MED IRINI għat-tlettax-il subperjodu ta’ erba’ xhur, mill-1 ta’ April 2024 sal-31 ta’ Lulju 2024.

(4)

Il-Kmandant tal-Operazzjoni pprovda rapporti ta’ kull xahar dwar il-fattur ta’ attrazzjoni.

(5)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-EUNAVFOR MED IRINI tiġi kkonfermata mill-ġdid għall-erbatax-il subperjodu ta’ erba’ xhur tal-mandat tagħha u jenħtieġ li l-operazzjoni tittawwal skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni ta’ EUNAVFOR MED IRINI hija b’dan ikkonfermata mill-ġdid u l-operazzjoni hija mtawla mill-1 ta’ Awwissu 2024 sat-30 ta’ Novembru 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

D. PRONK


(1)   ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/653 tal-20 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 81, 21.3.2023, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2024/1013 tas-26 ta’ Marzu 2024 dwar il-konferma mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED Irini) (EUNAVFOR MED IRINI/2/2024) (ĠU L, 2024/1013, 2.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1013/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1996/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)